Esplanade Solidarność 1980
L-Esplanade Solidarność 1980 – bl-Agora Simone Veil fiċ-ċentru tagħha – tiddefinixxi s-sit tal-Parlament Ewropew fi Brussell, u tgħaqqad il-binjiet tiegħu mal-Place du Luxembourg, l-istazzjon tal-ferrovija Bruxelles-Luxembourg u l-Parc Léopold. Hija l-post ideali biex tiekol xi ħaġa, taqra ktieb, jew sempliċement tassorbi l-atmosfera tal-Parlament Ewropew.
Solidarność 1980 – ftit storja
Solidarność twaqqfet fil-Polonja fl-1980 waqt sensiela ta' strajkijiet kontra r-reġim totalitarju tal-pajjiż. Għaxar miljun Pollakk ingħaqdu ma' din it-trade union indipendenti u awtonoma. Ir-reġim irreaġixxa b'persekuzzjonijiet, b'arresti u bil-qtil ta' avversarji politiċi. Iżda l-bidliet mibdija minn Solidarność eventwalment wittew it-triq għal negozjati paċifiċi mal-gvern komunista, u dawn wasslu għall-ewwel elezzjonijiet parzjalment ħielsa f'Ġunju 1989. Wara dawn l-elezzjonijiet, il-Polonja saret l-ewwel pajjiż tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant immexxi minn gvern mhux komunista. Konsegwentement, dan ta bidu għal tibdil demokratiku f'pajjiżi oħra – li wassal għall-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid u għall-unifikazzjoni tal-Ewropa.
Sfond arkitettoniku impressjonanti
L-Agora Simone Veil qiegħda fiċ-ċentru tal-Esplanade Solidarność 1980 u toffri sfond arkitettoniku impressjonanti. Huwa post tajjeb ħafna minn fejn tammira l-arkitettura impressjonanti tal-binjiet Altiero Spinelli, Willy Brandt u Joszef Antall tal-Parlament Ewropew. It-tlieta li huma (bħal binjiet oħra tal-Parlament Ewropew) huma msemmija għal personalitajiet kariżmatiċi li kellhom rwol importanti fit-tiswir tal-Unjoni Ewropea.
Ċentru dinamiku
Fl-Esplanade Solidarność 1980 isiru aktar minn 40 avveniment pubbliku kull sena, organizzati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u minn organizzazzjonijiet oħra. Agħti daqqa t'għajn lill-aġenda!
Inti organizzatur ta' avvenimenti pubbliċi?
L-Esplanade Solidarność 1980 tista' tkun il-post ideali biex torganizza l-avveniment tiegħek! It-talbiet kollha jiġu vvalutati skont kriterji stretti minn kumitat li jirrappreżenta l-Parlament Ewropew u l-awtoritajiet lokali.
Għal aktar dettalji dwar il-proċeduri, jekk jogħġbok ikkuntattja jew lill-Parlament Ewropew jew lill-amministrazzjoni muniċipali ta' Ixelles.
Dokumenti utli:
Esplanade Solidarność 1980
Place du Luxembourg / Luxemburgplein 100
B-1050 Brussell
Il-Belġju
Għall-Parlament Ewropew, ieqaf fl-istazzjon Bruxelles-Luxembourg.