Dar l-Istorja Ewropea
Dar l-Istorja Ewropea
Minn miti u skoperti għall-kaos u l-koeżjoni tas-seklu 20, Dar l-Istorja Ewropea tieħu lill-viżitaturi fuq vjaġġ fl-istorja tal-Ewropa u tisfidahom jirriflettu dwar il-futur tagħha.
Dar l-Istorja Ewropea
Id-dħul huwa bla ħlas u ż-żjarat jieħdu madwar siegħa u nofs. Il-wirja hija disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea. Hemm disponibbli wkoll riżorsi u esperjenzi mfassla apposta għall-iskejjel, il-familji u l-gruppi.
Ħinijiet tal-ftuħ
It-Tnejn | it-Tlieta − il-Ġimgħa | is-Sibt − il-Ħadd |
---|---|---|
13.00 − 18.00 | 09.00 − 18.00 | 10.00 − 18.00 |
Il-mużew ikun magħluq: fl-1 ta' Jannar, fl-1 ta' Mejju, fl-1 ta' Novembru u fl-24, il-25 u l-31 ta' Diċembru
Viżitaturi individwali
Il-viżitaturi individwali u l-gruppi ta' inqas minn 10 persuni m'għandhomx bżonn jibbukkjaw minn qabel biex iżuru l-mużew. Il-viżitaturi jistgħu jduru l-wirja waħedhom, bi gwidi multimedjali disponibbli bl-24 lingwa tal-Unjoni Ewropea.
Gruppi
Gruppi ta' aktar minn 10 persuni jridu jibbukkjaw iż-żjara tagħhom online tal-anqas ġimagħtejn minn qabel, jekk jixtiequ jużaw gwida multimedjali, jew 4 ġimgħat qabel, jekk iridu jagħmlu żjara bi gwida. Il-gwidi multimedjali huma disponibbli bl-24 lingwa tal-Unjoni Ewropea u ż-żjarat gwidati jsiru bl-Ingliż,, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u bl-Olandiż.
Skopri x'joffri l-mużew
Wirja permanenti
Il-wirja permanenti tieħu lill-viżitaturi tul l-istorja Ewropea, mill-oriġini tal-Ewropa u l-evoluzzjoni tagħha, għall-waqgħa fil-gwerra u t-tiftix għal ħajja aħjar.
Edukazzjoni u tagħlim
Permezz ta' workshops u riżorsi edukattivi, l-istudenti jistgħu jiskopru l-istorja Ewropea u l-wirt li ħalliet fid-dinja kontemporanja.
Familji
Attivitajiet prattiċi u avvenimenti interessanti jinvolvu lill-viżitaturi ta' kull età, u jħallu lill-familji jesploraw l-istorja Ewropea flimkien.
Dar bi storja
Dar l-Istorja Ewropea tinsab fil-binja Eastman, binja rinnovata b'mod sabiħ ferm qalb is-siġar ta' Parc Léopold. Dan il-ġnien ta' madwar 90 tomna jinsab fis-sit ta' dak li qabel kien il-Ġnien Żooloġiku Rjali u nfetaħ għall-pubbliku fl-1880. Fih lag mill-isbaħ b'għadd ta' annimali selvaġġi, kif ukoll żona barra għall-picnics u bil-bankijiet. Il-bini nnifsu ġie rinnovat bir-reqqa għas-sura oriġinali li kellu fis-snin tletin, meta kien klinika dentali għat-tfal żvantaġġati. Titlifx il-pitturi ta' annimali fl-istil art deco, li ġew irrestawrati b'tant imħabba, u li huma bbażati fuq stejjer tal-awtur Franċiż Jean de La Fontaine.
Miżuri relatati mal-COVID-19
Sigurtà
Biex tidħol fil-bini tal-Parlament Ewropew, ikollok bżonn dokument tal-identità validu (karta tal-identità jew passaport).
Il-viżitaturi u l-basktijiet kollha jista' jsirilhom kontrolli tas-sigurtà bħalma jsiru fl-ajruporti qabel ma jitħallew jidħlu. Ma jistgħux jiddaħħlu armi tan-nar, sustanzi splussivi jew fjammabbli, pepper spray, oġġetti li jaqtgħu u oġġetti oħra li jistgħu jitqiesu bħala armi. Bi qbil mal-leġiżlazzjoni nazzjonali Belġjana, ċerti oġġetti pprojbiti jistgħu jingħataw lill-pulizija.
Aċċessibbiltà
Il-membri tal-persunal tagħna lesti jaħdmu mal-interpreti tal-lingwa tas-sinjali matul iż-żjarat. Hija r-responsabbiltà tal-mexxejja tal-gruppi li jaħsbu għas-servizzi ta' tali interpreti.
Faċilitajiet
Dar l-Istorja Ewropea fiha lockers, faċilitajiet fejn il-ġenituri jistgħu jbiddlu lit-trabi, vestjarju, ħanut u kafetterija (b'60 post) fejn issib għażla ta' xarbiet rinfreskanti u snacks tajbin.
Dar l-Istorja Ewropea
Rue Belliard / Belliardstraat 135
1000 Brussell
Il-Belġju
Kif tasal hemm
Għall-Parlament Ewropew, ieqaf fl-istazzjon Bruxelles-Luxembourg.