Ġnien iċ-Ċittadini
Due to construction works, the Citizens' Garden will be temporarily closed from 30.09 until further notice. Thank you for your understanding.
Fil-vjaġġ tiegħek agħmel mawra fi Ġnien iċ-Ċittadini u qatta' ftit ħin ta' mistrieħ f'oasi ta' paċi u ta' natura fil-qalba tal-ferneżija tal-kwartier Ewropew. Il-ġnien, 100 metru biss bogħod mid-dħul uffiċjali tal-Parlament Ewropew, jinsab fl-artijiet ta' dik li kienet ir-residenza u l-istudju ta' Antoine Wiertz, artist tas-seklu XIX.
Is-siġar, il-bankijiet u l-meded ta' ħaxix iħajruk tmur passiġġata jew tistrieħ. Fil-ġnien issib xogħlijiet oriġinali, bħal kopja ta' kolonna oriġinali tal-fdalijiet tat-tempju ta' Paestum fl-Italja. L-istatwi ta' filosfi tal-istorja u ta' artisti Ewropej jenfasizzaw in-natura storika tal-inħawi. Fil-ġnien hemm ukoll padiljun tal-mużika u xi kultant fih jittellgħu avvenimenti.
Il-ġnien infetaħ għall-pubbliku għall-ewwel darba f'Settembru 2020 bis-saħħa tal-investimenti u tar-rinnovazzjoni tal-Parlament Ewropew.
L-istudju enormi tal-artist illum huwa l-Mużew Wiertz u d-dħul għalih huwa b'xejn. Jagħmel parti mill-Musées royaux des Beaux-Arts u fih jilqa' aktar minn 200 opra tal-artist.
Skopri l-programm kulturali organizzat fil-Ġnien taċ-Ċittadini f'qiegħ din il-paġna.
Ħinijiet tal-ftuħ
Ħarifa – Xitwa | Settembru | Ottubru – Marzu |
---|---|---|
8:00 – 19:50 | 8:00 – 17:50 |
Rebbiegħa – Sajf | April | Mejju – Awwissu |
---|---|---|
8:00 – 18:50 | 8:00 – 20:50 |
Storja
Antoine Wiertz mar jgħix għall-ewwel darba Ixelles fl-1850 fejn żviluppa personalment il-kunċett tal-istudju, tad-dar u tal-ġnien. Partijiet kbar tad-dar u tal-istudju nbnew bejn l-1850 u l-1852, iżda s-sit tlesta biss ftit ta' snin wara.
L-istudju minn dejjem kien miftuħ għall-pubbliku u kien iddisinjat biex jiġbed l-attenzjoni. Il-passiġġieri li kienu jaslu fl-istazzjon tal-ferrovija "Luxembourg" setgħu jaraw il-kopja tal-fdalijiet tat-tempju ta' Paestum fl-Italja u dan kien jaqbel mal-ispirtu romantiku ta' dak iż-żmien.
Meta miet, Wiertz ħalla l-opri tal-arti, l-istudju, id-dar u l-ġnien tiegħu lill-Istat Belġjan, li fetaħ l-istudju bħala mużew fl-1866. L-istudju, id-dar u l-ġnien ġew ikklassifikati fl-1997 bħala monumenti nazzjonali għall-valur storiku u artistiku tagħhom.
Il-ġnien baqa' magħluq għall-pubbliku sa Settembru 2020, wara li ġie rinnovat mill-Parlament Ewropew.
Antoine Wiertz
Antoine Wiertz (1806-1865) kien pittur u skultur romantiku Belġjan. Huwa magħruf talli kien juża tili enormi; il-pitturi u l-opri tal-arti tiegħu setgħu jkunu itwal minn 11-il metru u kienu miżgħuda b'messaġġi soċjali jew filosofiċi. Wiertz huwa wieħed mill-aktar esponenti importanti tar-romantiċiżmu Belġjan u tal-arti monumentali.
Fl-1839 Wiertz talab li Brussell tkun rikonoxxuta bħala l-belt kapitali tal-Ewropa. Illum il-ġurnata l-indirizz uffiċjali tal-Parlament Ewropew iġib ismu: Rue Wiertz 60.
Il-bijodiversità fi Ġnien iċ-Ċittadini
Ġnien iċ-Ċittadini jospita firxa varjata ta’ flora u fawna bi 17-il speċi differenti ta’ siġar preżenti, bħal-luq, is-siġar tal-aġġru u s-siġar tal-qastan. B’kollox, hemm 76 siġra fi Ġnien iċ-Ċittadini, u waħda minnhom ilha hemm ’il fuq minn 100 sena. Il-Parlament Ewropew huwa impenjat li jippromwovi l-bijodiversità fiż-żoni ħodor tiegħu, u s-siġar f’dan il-ġnien jaħżnu madwar 3 tunnellati ta’ CO2 fis-sena u huma ta’ benefiċċju għall-pajsaġġ urban u għall-bijodiversità usa’. Il-ġnien jikkontribwixxi mhux biss għaċ-ċiklu tal-karbonju iżda wkoll għaċ-ċiklu tal-ilma u għall-ħolqien ta’ spazji iżolati li jkessħu.
Iż-żona msaġġra ta’ Ġnien iċ-Ċittadini hija ffrekwentata wkoll minn diversi speċijiet ta’ friefet il-lejl. L-ispeċijiet tal-friefet il-lejl Komuni, Nathusius u ta’ Kuhl ilkoll dehru fil-ġnien
Nibżgħu għal dan is-sit storiku
Ix-xogħlijiet ta' riġenerazzjoni tad-dar u tal-ġnien bdew fl-2016 u jikkostitwixxu sħubija pubblika-privata bejn il-Parlament Ewropew u l-Istat Belġjan. Ġie ffirmat kuntratt ta' kera għal 50 snin għall-ammont ta' €1 bil-patt u l-kundizzjoni li l-Parlament Ewropew jirrinnova kemm il-ġnien kif ukoll id-dar, u jiftaħ il-ġnien għall-pubbliku.
Bħalissa fid-dar għaddejjin xogħlijiet ta' rikostruzzjoni u din se tinfetaħ minn hawn u ftit snin oħra.
Ġnien iċ-Ċittadini
Rue Vautier / Vautierstraat 62B-1050 BrussellIl-Belġju
Kif tasal hemm
Għall-Parlament Ewropew, ieqaf fl-istazzjon Bruxelles-Luxembourg.