Taħditiet Online taż-Żgħażagħ
Inti parti minn grupp li jinteressak il-mod kif l-Unjoni Ewropea ttejjeb il-ħajja ta' kuljum fil-belt, ir-reġjun u l-pajjiż tiegħek? Tixtieq issir taf aktar dwar l-attivitajiet tal-Parlament Ewropew u l-Membri tiegħu?
Taħditiet Online taż-Żgħażagħ joffru lill-gruppi l-opportunità li jitgħallmu aktar dwar is-setgħa, ir-rwol u l-attivitajiet ta' din l-istituzzjoni bi preżentazzjoni online ta' 60 minuta u sessjoni ta' mistoqsijiet u tweġibiet adattati għall-interessi tal-grupp.
Preżentazzjonijiet imfassla apposta
Inti mexxej ta' grupp fi skola, università jew klabb taż-żgħażagħ u interessat tiskopri x'jagħmel il-Parlament Ewropew għaż-żgħażagħ u magħhom?
Taħditiet Online taż-Żgħażagħ huma disponibbli fi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-grupp tiegħek se jiltaqa' b'mod virtwali ma' persunal mill-Parlament Ewropew u jsir jaf kif tista' tinvolvi ruħek fit-tiswir tad-demokrazija Ewropea.
Skont l-interess tal-grupp tiegħek, Taħdita Online taż-Żgħażagħ tista' tiffoka fuq xi wħud mis-suġġetti li ġejjin:
- l-istorja u l-valuri tal-Unjoni Ewropea;
- l-istruttura tal-istituzzjonijiet Ewropej u kif jaħdmu;
- is-setgħat, il-kompożizzjoni, ir-rwol, il-funzjonament u l-attivitajiet attwali tal-Parlament Ewropew;
- l-impatt tal-Unjoni Ewropea fil-ħajja tiegħek ta' kuljum;
- il-mezzi biex tkompli tinteraġixxi mal-Parlament Ewropew u taqsam l-opinjonijiet u l-ideat tiegħek dwar suġġetti tal-UE.
Tista' wkoll tistieden Membru tal-Parlament Ewropew biex ikellem lill-grupp tiegħek.
Taħditiet Online taż-Żgħażagħ jistgħu jiġu adattati għal gruppi ta' etajiet oħra. Sib aktar informazzjoni hawn taħt.
Ibbukkja Taħdita Online taż-Żgħażagħ
Mexxejja ta' gruppi jistgħu jibbukkjaw Taħdita Online taż-Żgħażagħ billi jimlew il-formola tat-talba online, billi jsemmu "Taħdita online" fl-ispazju "X'inhu mistenni miż-żjara".
Jekk il-grupp tiegħek mhuwiex magħmul minn żgħażagħ, tista' titlob ukoll sessjoni billi ssemmi "Taħdita Online" fl-ispazju "X'inhu mistenni miż-żjara".
Malli l-prenotazzjoni tiġi kkonfermata, inti se tiġi kkuntattjat sabiex qabel it-taħdita tiddefinixxi s-suġġetti ta' interess.