Taħditiet Online mal-PE 

Taħditiet Online mal-PE  

Postijiet oħra

Assorbi l-atmosfera tal-akbar parlament transnazzjonali fid-dinja. Ingħaqad magħna tkun mnejn tkun biex tiskopri s-setgħat u r-rwol tal-Parlament Ewropew (PE) u ħalli l-membri tal-persunal tal-PE jwieġbu l-mistoqsijiet tiegħek.

60'
10-300
24

Taħditiet Online mal-PE

Postijiet oħra

It-Taħditiet Online mal-PE huma waħda mill-attivitajiet online tal-Parlament Ewropew għall-gruppi. Issa tista' tapprofondixxi l-għarfien tiegħek dwar is-setgħa, ir-rwol u l-attivitajiet ta' din l-istituzzjoni bi preżentazzjoni online ta' 60 minuta u sessjoni ta' mistoqsijiet u tweġibiet adattati għall-interessi tal-grupp tiegħek. 

Taħdita Online mal-PE tkun disponibbli b'waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ingħaqad magħna tkun mnejn tkun u jkollok il-mistoqsijiet kollha tiegħek imwieġba mill-membri tal-persunal tal-Parlament Ewropew. 

Preżentazzjonijiet uniċi u mfassla apposta

Jinteressak il-mod kif l-Unjoni Ewropea ttejjeb il-ħajja ta' kuljum fil-belt, ir-reġjun u l-pajjiż tiegħek? Tixtieq issir taf aktar dwar l-attivitajiet tal-Parlament Ewropew u l-Membri tiegħu (l-MEPs)?

Dawn il-preżentazzjonijiet online huma uniċi, personali u interattivi, u huma illustrati bi grafika interessanti. Skont l-interess tal-grupp tiegħek, it-Taħdita Online mal-PE tista' tiffoka fuq xi wħud mis-suġġetti li ġejjin:

  • l-istorja u l-valuri tal-Unjoni Ewropea;
  • l-istruttura tal-istituzzjonijiet Ewropej u kif jaħdmu;
  • is-setgħat, il-kompożizzjoni, ir-rwol, il-funzjonament u l-attivitajiet attwali tal-Parlament Ewropew;
  • l-impatt tal-Unjoni Ewropea fil-ħajja tiegħek ta' kuljum;
  • il-mezzi biex tkompli tinteraġixxi mal-Parlament Ewropew sabiex taqsam l-opinjonijiet u l-ideat tiegħek dwar suġġetti sinifikanti għall-UE;
  • il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u skopri kif tista' tinvolvi ruħek.

It-Taħditiet Online tal-PE għandhom ukoll l-għan li jiffaċilitaw l-interazzjoni mal-MEPs. 

Ibbukkja Taħdita Online mal-PE

Din l-attività ġiet żviluppata għal skejjel u universitajiet, multiplikaturi tal-opinjoni u gruppi ta' ċittadini mill-Istati Membri kollha tal-UE. Aħna nadattaw il-kontenut għall-ħtiġijiet tal-karatteristiċi u l-interessi tal-grupp. Mexxejja ta' gruppi jistgħu jibbukkjaw Taħdita mal-PE billi jimlew il-formola tat-talba online u jinkludu n-nota "Taħdita online" fl-ispazju "X'inhu mistenni miż-żjara".

Malli l-prenotazzjoni tiġi kkonfermata, nikkuntattjawk biex niddefinixxu s-suġġetti ta' interess qabel it-taħdita. Tista' wkoll tistieden Membru tal-Parlament Ewropew biex ikellem lill-grupp tiegħek.