Jiem il-Multilingwiżmu 2026
Ingħaqad magħna għal Jiem il-Multilingwiżmu tal-Parlament Ewropew fit-13 u l-14 ta’ Novembru 2026 biex niċċelebraw il-lingwi u r-rwol tagħhom fid-demokrazija Ewropea! Din is-sena, nistednuk tingħaqad magħna biex niftħu orizzonti ġodda.
Jiem il-Multilingwiżmu huma l-opportunità tiegħek biex tittawwal wara l-kwinti tal-aktar parlament multilingwi fid-dinja u tiskopri kif il-Parlament Ewropew jaħdem b’24 lingwa. Iltaqa’ mal-professjonisti tal-lingwa tagħna – interpreti, tradutturi, ġuristi lingwisti – kif ukoll mal-esperti tal-komunikazzjoni u ma’ persunal ieħor li jaħdem bil-lingwi. Tgħallem dwar il-ħidma tagħhom u esplora l-Emiċiklu ikoniku, is-sede tal-Parlament Ewropew fi Brussell.
Il-multilingwiżmu, jiġifieri l-użu ta’ diversi lingwi, jiżgura li fl-UE kulħadd ikun jista’ jsegwi l-ħidma tar-rappreżentanti tagħna eletti direttament bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Id-diversità lingwistika u kulturali hija waħda mill-punti ta’ forza tal-UE u, bħala Ewropej, tagħmilna uniċi fid-dinja. Jiem il-Multilingwiżmu huma ċ-ċans tiegħek biex tara din id-diversità fl-azzjoni.
L-avveniment joffri programm varjat ta’ attivitajiet mifruxin fuq jumejn. Nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru, tista’ tieħu sehem f’workshops online u nhar is-Sibt 14 ta’ Novembru, nilqgħuk fil-Parlament Ewropew fi Brussell.
Workshops online | Il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru
Skopri aktar dwar l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni waqt dawn il-workshops interattivi. Is-sessjonijiet online jkopru diversi aspetti tal-ħidma tal-professjonisti tal-lingwa fil-Parlament Ewropew u huma opportunità tajba biex tikseb risposti għall-mistoqsijiet tiegħek.
Il-workshops huma maħsuba għal gruppi żgħar, għalhekk ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja. Aktar ma tinkiteb malajr, aktar ikollok ċans li tilħaq post. Ladarba tirreġistra, tirċievi email ta’ konferma bid-dettalji dwar kif tieħu sehem. Is-sessjonijiet idumu bejn 30 u 90 minuta u se jsiru b’diversi lingwi.
Attività fuq il-post | Is-Sibt 14 ta’ Novembru
Esplora l-multilingwiżmu permezz ta’ attivitajiet divertenti fiż-żona tal-viżitaturi tal-bini tal-Parlament Ewropew PAUL-HENRI SPAAK (segwi s-sinjali “GROUP & HEMICYCLE VISITS”) bejn l-10:00 u s-18:00 (l-aħħar viżitaturi jidħlu fil-17:00).
Trid tirreġistra mal-bieb. Ġib miegħek karta tal-identità nazzjonali valida jew passaport validu (il-liċenzja tas-sewqan mhijiex aċċettata).
IT-TAĦDITIET
Ipparteċipa fit-taħditiet tagħna b’lingwi differenti biex nitgħallmu aktar dwar il-lingwi, kif jistgħu jiftħu orizzonti ġodda, u kif jaħdmu l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fil-Parlament Ewropew.
Il-kamra tal-laqgħat 0C.11
Taħditiet b’interpretazzjoni bl-Olandiż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u bit-Taljan.
| Mill-11:00 sa 11:45 | Parlament wieħed, ħafna lingwi: kif il-professjonisti tal-lingwa tagħna jaħdmu għalik bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE |
|---|---|
| Minn 12:00 sas-12:45 | Niftħu orizzonti ġodda permezz tal-multilingwiżmu: kif il-lingwi jgħaqqdu lin-nies, jibnu pontijiet bejn il-kulturi u jibnu rabtiet bejn l-UE u d-dinja |
| Mis-13:00 sas-13:45 |
Traineeships: skopri kif permezz tat-traineeships Schuman fil-Parlament Ewropew tista’ tiftaħ orizzonti lingwistiċi u professjonali ġodda [mingħajr interpretazzjoni] |
| Mis-14:30 sat-15:15 | Karrieri: kif issir interpretu jew traduttur fil-Parlament Ewropew |
| Mit-15:30 sal-16:15 | L-intelliġenza artifiċjali: l-użu tal-IA fuq il-post tax-xogħol u kif l-IA tappoġġja l-ħidma tal-interpreti u t-tradutturi |
| Mill-16:30 sal-17:15 | Tkabbir futur: kif l-UE qed tipprepara biex tilqa’ lingwi ġodda |
IL-WORKSHOPS
Il-workshops li jmiss jinsabu fil-fażi finali ta’ tħejjija u se jiġu ppubblikati d-dettalji kollha hawn fil-bidu ta’ Settembru. Ibqa’ segwi din il-paġna!
SKOPRI
- Esperjenza l-Emiċiklu tal-Parlament Ewropew (mill-10:30 sal-17:00, kull nofs siegħa) – Esplora l-kamra fejn iseħħu d-dibattiti u l-votazzjonijiet tal-Parlament. Preżentazzjonijiet multilingwi b’sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet.
- Żur waħda mill-kabini tal-interpretazzjoni – Żjara ggwidata f’waħda mill-kabini tal-interpretazzjoni fl-Emiċiklu.
- Europarl Audio – Se nkunu qed inxandru live minn Jiem il-Multilingwiżmu fuq l-istazzjonijiet tal-media soċjali tagħna. Ingħaqad magħna minn fejn tkun għal intervisti multilingwi ma’ tradutturi, interpreti u parteċipanti; mużika Ewropea; u għarfien esklużiv mill-avveniment!
ESPERJENZA
- Il-kabini tal-interpretazzjoni – Ipprova interpreta fil-kabini ta’ prattika tagħna u rċievi feedback mingħand interpretu!
- It-traduzzjoni fl-azzjoni – Qatt ġietek kurżità kif taħdem it-traduzzjoni fl-UE? Ħu sehem u għix l-esperjenza int ukoll! Ipprova l-għodod użati fil-Parlament biex tittraduċi testi, filmati u emendi, u ara kif it-teknoloġija tappoġġja d-demokrazija multilingwi.
- Aħna nittraduċu; int tirrekordja! – Irrekordja test li ttraduċejna għalik bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE u sir preżentatur ta’ podcast għal ġurnata! Il-fajl tal-awdjo mbagħad jiġi editjat, immiksjat u jintbagħatlek bħala awdjogramma li tista’ taqsam mal-ħbieb u l-familja tiegħek jew fuq in-networks soċjali tiegħek.
- Iltaqa’ mal-professjonisti tal-lingwa – Għandek kurżità dwar is-servizzi tal-lingwa tal-Parlament u d-diversi professjonijiet tal-lingwa? Ejja u ltaqa' mal-esperti u staqsihom dak kollu li trid tkun taf dwar ix-xogħol tagħhom!
- Aċċessibbiltà multilingwi – Skopri kif is-servizzi tal-komunikazzjoni u tat-traduzzjoni tal-Parlament Ewropew jaħdmu flimkien biex l-informazzjoni, il-kampanji u l-attivitajiet ta’ impenn pubbliku jkunu aċċessibbli bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE, u b’hekk iqarrbu l-multilingwiżmu lejn iċ-ċittadini.
IDDEVERTI
- Lezzjonijiet qosra tal-lingwi – Ejja tgħallem xi affarijiet bażiċi bil-Grieg u bl-Irlandiż, il-lingwi tal-Presidenzi tal-UE tal-2026, bis-saħħa ta’ lezzjonijiet qosra divertenti u prattiċi. M’hemmx bżonn ikollok esperjenza, iżda jrid ikollok il-kurżità! Introduzzjoni għall-Grieg: mill-10:00 sa 12:00 u mis-14:00 sal-16:00. Introduzzjoni għall-Irlandiż: minn 12:00 sas-14:00 u mill-16:00 sas-18:00.
- Logħob lingwistiku – Logħob għat-tfal u l-adulti. Ejja u ttestja l-ħiliet lingwistiċi tiegħek f’atmosfera divertenti!
- Tatwaġġi temporanji – Uri l-imħabba tiegħek għal-lingwi permezz ta’ tatwaġġ temporanju.
- Ħajt tar-ritratti – Ħu ritratt u idħol biċ-ċans li tirbaħ premju!
Emiċiklu
Paul-Henri Spaak Building
Rue Wiertz / Wiertzstraat 60
B-1047 Brussels
Belgium
Kif tasal hemm
Għall-Parlament Ewropew, ieqaf fl-istazzjon Bruxelles-Luxembourg.